Kwalitajiet ta’ Kristu
Daqstant importanti daqs dak li nagħmlu f’ħajjitna hu dak li aħna se nsiru. Ġesù wriena t-triq u tana l-eżempju perfett.
Issir bħal Kristu
L-istedina li nimxu wara Ġesù hi stedina li nimxu wara l-eżempju tiegħu u nsiru bħalu. Tgħallem dwaru u fittex li tinkorpora l-kwalitajiet tiegħu f’ħajtek. Permezz tal-qawwa tal-grazzja tiegħu, inti tista’ ssir persuna aħjar li tixbah aktar lil Kristu.
Fidi
Meta jkollok il-fidi fi Kristu, inti temmen fih bħala l-Iben ta’ Alla, l-Iben il-Waħdieni tal-Missier fil-ġisem. Inti taċċettah bħala s-Salvatur u l-Feddej tiegħek u timxi wara t-tagħlim tiegħu. Inti temmen li dnubietek jistgħu jinħafru permezz tal-Espjazzjoni tiegħu. Il-fidi fih tfisser li inti tafda fih u tinsab ċert li Huwa jħobbok.
Il-fidi hija prinċipju ta’ qawwa. Alla jaħdem permezz ta’ qawwa, iżda l-qawwa tiegħu normalment tiġi eżerċitata bi tweġiba għall-fidi tagħna. Hu jaħdem skont il-fidi ta’ wliedu. Id-dubju u l-biża’ huma l-oppost tal-fidi. Il-fidi tiegħek f’Ġesù Kristu tikber hekk kif inti ssir aktar midħla tiegħu u tat-tagħlim tiegħu. Hekk kif tesplora l-iskrittura u tiskopri x’hemm fiha, inti titgħallem dwar il-modi tiegħu, dwar l-imħabba tiegħu lejn kulħadd, u dwar il-kmandamenti tiegħu.
“Il-fidi hija pedament tal-ħwejjeġ li għandna nittamaw, hija l-prova tal-ħwejjeġ li ma narawx.”
—Lhud 11:1
Tama
It-tama hi l-fiduċja dejjiema li l-Mulej se jġib fis-seħħ il-wegħdiet li għamel miegħek. Tidher fil-fiduċja, fl-ottimiżmu, fl-entużjażmu, u fil-perseveranza kollha sabar tiegħek. Hi li temmen u tistenna li se sseħħ xi ħaġa. Meta jkollok it-tama, inti tibqa’ għaddej qalb l-isfidi u d-diffikultajiet b’kunfidenza u b’ċertezza li kollox se jseħħ għall-ġid tiegħek. It-tama tgħinek tegħleb l-iskoraġġiment. L-iskrittura ħafna drabi tiddeskrivi t-tama f’Ġesù Kristu bħala l-assigurazzjoni li inti se tiret il-ħajja eterna.
“Għalhekk ibqgħu mexjin ’il quddiem b’fidi soda fi Kristu, b’tama ta’ dija perfetta u mħabba lejn Alla u lejn il-bnedmin kollha. Għalhekk, jekk tibqgħu mexjin fit-triq, tiffesteġġjaw permezz tal-kelma ta’ Kristu u tibqgħu sodi sat-tmiem, dan jgħid il-Missier: Intom ikollkom il-ħajja eterna.”
—2 Nephi 31:20
Karità u Mħabba
Il-karità hi l-imħabba pura ta’ Kristu. Tinkludi l-imħabba bla limitu ta’ Alla lejn uliedu kollha. Aħna għandna nfittxu li niżviluppaw dik it-tip ta’ mħabba. Hekk kif inti titlob b’sinċerità għad-don tal-karità, tagħmel li tista’ biex tgħix tajjeb, u taqdi lil ħaddieħor, inti tibda tħoss fik preokkupazzjoni sinċiera għall-ġid u l-kuntentizza ta’ ħaddieħor. Inti tevita ċerti sentimenti negattivi bħar-rabja, l-għira, il-ġibdiet ħżiena, jew li tgħid ħwejjeġ negattivi dwar ħaddieħor. Inti tipprova tifhem kemm lilhom kif ukoll il-mod kif jaħsbuha. Inti turihom is-sabar u tipprova tgħinhom meta jkunu qed isibuha diffiċli jew jaqtgħu qalbhom. Il-karità, bħall-fidi, twasslek biex tagħmel xi ħaġa. Inti tiżviluppa l-karità hekk kif tfittex ċerti opportunitajiet biex taqdi lil ħaddieħor u toffri lilek innifsek.
“Il-karità taf tistabar u tħenn; il-karità mhijiex għajjura, ma titkabbarx fuq l-oħrajn, ma tfittixx dak li hu tagħha, xejn ma tinkorla; ma żżommx f’qalbha d-deni, ma tifraħx bl-inġustizzja, imma tifraħ bil-verità; kollox tagħder, kollox temmen, kollox tittama, kollox tissaporti. Il-karità ma tintemm qatt.”
—1 Korintin 13:4–8
Mistoqsijiet u skrittura x’tistudja
Virtù
Il-virtù toriġina fil-ħsibijiet u x-xewqat ta’ ġo fik. Hija sensiela ta’ ħsibijiet u mġieba bbażati fuq standards morali għoljin. Dak li inti tagħżel li taħseb u tagħmel meta tkun waħdek u temmen li ħadd mhu jarak huwa kejl tajjeb tal-virtù tiegħek.
Nies virtużi huma ndaf u spiritwalment safja. Huma jiffokaw fuq ħsibijiet ġusti u edifikanti u jwarrbu minn moħħhom ħsibijiet indenji li jwasslu għal għemejjel mhux xierqa. Huma jobdu l-kmandamenti ta’ Alla. Huma jitolbu li jkollhom il-qawwa li jirreżistu t-tentazzjoni u jagħmlu dak li hu xieraq. Huma ma jdumux ma jindmu minn xi dnubiet jew għemejjel ħżiena.
“Is-setgħa tiegħu ta’ Alla tatna dak kollu li hu meħtieġ għall-ħajja u t-tjieba, billi għarrfitna ’l dak li sejjħilna għall-glorja u l-virtù: … żidu mal-fidi l-virtù, mal-virtù l-għerf; u mal-għerf ir-rażna; mar-rażna s-sabar; mas-sabar it-tjieba; u mat-tjieba l-ħbiberija tal-aħwa; mal-ħbiberija tal-aħwa l-imħabba. Jekk ikollkom dawn il-kwalitajiet u tkattruhom fikom, ma jħallukomx rieqda u bla frott fl-għarfien tagħkom ta’ Sidna Ġesù Kristu.”
—2 Pietru 1: 3–7
Sabar
Is-sabar hu l-kapaċità li tibqa’ tissaporti d-dewmien, l-inkwiet, l-oppożizzjoni, jew it-tbatija mingħajr ma tinkorla, tiffrustra ruħek, jew toqgħod tinkwieta. Hi l-abbiltà li tagħmel ir-rieda ta’ Alla u taċċetta l-orarju tiegħu. Meta tkun mimli sabar, inti tibqa’ kalm waqt li tkun taħt pressjoni u tkun kapaċi tiffaċċja l-avversità bil-kalma u t-tama. Is-sabar hu relatat mat-tama u l-fidi—jeħtieġ li tibqa’ tistenna sakemm jiġu fis-seħħ il-barkiet imwiegħda tal-Mulej. Jeħtieġ li turi s-sabar ma’ kulħadd, inkluż miegħek innifsek, hekk kif taħdem biex tegħleb id-difetti u d-dgħjufija tiegħek.
“Mhux biss dan, imma niftaħru wkoll bis-sofferenzi, għax nafu li s-sofferenza ġġib is-sabar; is-sabar irawwem il-ħila, il-ħila, it-tama: u din it-tama ma tqarraqx bina, għax l-imħabba ta’ Alla ssawbet fi qlubna permezz tal-Ispirtu s-Santu li kien mogħti lilna.”
—Rumani 5: 3–5
Umiltà
L-umiltà hija r-rieda li tissottometti ruħek għar-rieda tal-Mulej u tonora lill-Mulej għal dak li Huwa wettaq. Tinkludi l-gratitudni għall-barkiet tiegħu u li tagħraf il-bżonn kostanti tiegħek għall-għajnuna divina tiegħu. L-umiltà mhijiex sinjal ta’ dgħjufija; hi sinjal ta’ qawwa spiritwali.
L-oppost tal-umiltà hija s-suppervja, li l-iskrittura tikkundannaha. Li tkun supperv ifisser li tafda aktar fik innifsek milli tafda f’Alla jew fil-qaddejja tiegħu. Meta b’umiltà inti tafda f’Alla u tagħraf il-qawwa u l-ħniena tiegħu, inti jista’ jkollok l-assigurazzjoni li l-kmandamenti tiegħu huma għall-ġid tiegħek. Inti tħossok ċert li kapaċi tagħmel dak kollu li l-Mulej jeħtieġ minnek jekk inti tafda fih.
“U jekk il-bnedmin jiġu għandi jiena nurihom id-dgħjufija tagħhom. Jiena nagħti d-dgħjufija lill-bnedmin sabiex huma jkunu umli; u l-grazzja tiegħi hi suffiċjenti għall-bnedmin kollha li jiċċekknu quddiemi; għaliex jekk huma jiċċekknu quddiemi, u jkollhom il-fidi fija, imbagħad jiena nqawwihom fejn huma jinsabu dgħajfin.”
—Għeter 12:27